Mistoqsija
X’tgħid il-Bibbja dwar pastors nisa?
շɱġ
Forsi m’hemmx kwistjoni aktar diskussa fil-knisja llum minn dik tan-nisa li jservu bħala pastors. Huwa importanti li ma narawx din il-kwistjoni bħala waħda tal-irġiel kontra n-nisa. Hemm nisa li jemmnu li n-nisa m’għandhomx iservu bħala pastors, u li l-Bibbja tpoġġi restrizzjonijiet fuq il-ministeru tan-nisa; hekk ukoll hemm irġiel li jemmnu li n-nisa jistgħu jservu bħala pastors u li m’hemmx restrizzjonijiet fuqhom fil-ministeru. Din mhix kwistjoni ta’ chauvinism – bħallikieku l-irġiel jaħsbu li huma superjuri għan-nisa – jew diskriminazzjoni kontra n-nisa. Din hi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Iskrittura.
Il-Kelma t’Alla tipproklama, “Il-mara jmissha titgħallem bi kwietha fis-sottomissjoni kollha; imma ma nippermettix li l-mara tgħallem jew teżerċita awtorità fuq ir-raġel; aktarx għandha tkun bi kwietha.” (1 Timotju 2:11–12). Fil-knisja, Alla jassenja rwoli differenti lill-irġiel u lin-nisa. Dan huwa riżultat tal-mod kif inħolqot l-umanità, u l-mod li bih id-dnub daħal fid-dinja (1 Timotju 2:13–14). Alla, permezz tal-appostlu Pawlu, jillimita lin-nisa milli jaqdu fi rwoli ta’ tagħlim jew li jkollhom awtorità spiritwali fuq l-irġiel. Dan jeskludi lin-nisa milli jaqdu bħala pastors fuq l-irġiel, peress li l-ħidma tar-ragħaj definittivament tinkludi l-predikazzjoni, it-tagħlim fil-pubbliku, u l-eżerċizzju ta’ awtorità spiritwali.
Hemm ħafna oġġezzjonijiet għal din il-fehma tan-nisa fil-ministeru pastorali. Waħda minnhom hi li Pawlu jirrestrinġi lin-nisa milli jgħallmu għax fl-ewwel seklu, in-nisa ġeneralment ma kinux edukati. Madankollu, fl-1 Timotju 2:11–14 mkien ma jsemmi l-livell edukattiv. Kieku l-edukazzjoni kienet kwalifika għall-ministeru, allura ħafna mid-dixxipli taʼ Ġesù ma kinux ikunu kwalifikati.
It-tieni oġġezzjoni hija li Pawlu kien qed jagħmel restrizzjoni biss għan-nisa ta’ Efesu milli jgħallmu lill-irġiel (l-1 Timotju nkiteb lil Timotju, ministru tal-knisja f’Efesu). Il-belt ta’ Efesu kienet magħrufa għat-tempju lil Artemis; in-nisa kienu l-awtorità f’dik il-fergħa tal-paganiżmu – għalhekk, skont din it- teorija, Pawlu kien qed jirreaġixxi biss għaċ-ċirkostanzi partikolari f’Efesu, u l-knisja kellha bżonn tkun differenti. Madankollu, il-ktieb tal-1 Timotju mkien ma jsemmi lil Artemis, u lanqas Pawlu ma jsemmi l-prattika tal-qima taʼ Artemis bħala raġuni għar-restrizzjonijiet fl-1 Timotju 2:11–12.
It-tielet oġġezzjoni hija li Pawlu qed jirreferi biss għall-irġiel u n-nisa miżżewġa, mhux għall-irġiel u n-nisa b’mod ġenerali. Il-kliem bil-Grieg għal “mara” u “raġel” fl-1 Timotju 2 jistgħu jirreferi għall-irġiel u n-nisa miżżewġa; madankollu, it-tifsira bażika tal-kliem hija usa’ minn hekk. Mhux biss, l-istess kliem Grieg jintuża f’versi 8–10. Allura l-irġiel miżżewġa biss għandhom jerfgħu idejn qaddisa fit-talb mingħajr rabja u tilwim (vers 8)? U n-nisa miżżewġa biss għandhom jilbsu modestament, jagħmlu għemejjel tajbin, u jqimu lil Alla (versi 9–10)? Ovvjament, le. Il-versi 8–10 jirreferu b’mod ċar għall-irġiel u n-nisa kollha, mhux biss l-irġiel u n-nisa miżżewġa. M’hemm xejn fil-kuntest li jindika tifsira idjaq għall-irġiel u n-nisa miżżewġa f’versi 11–14.
Oġġezzjoni oħra għal din l-interpretazzjoni tan-nisa fil-ministeru pastorali tirreferi għan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-Bibbja, speċifikament Mirjam, Debora, u Ħulda fit-Testment il-Qadim. Huwa minnu li dawn in-nisa ntgħażlu minn Alla għal servizz speċjali lejh u li huma mudelli ta’ fidi, kuraġġ, u, iva, ta’ tmexxija wkoll. Madankollu, l-awtorità tan-nisa fit-Testment il-Qadim mhijiex rilevanti għall-kwistjoni tal-pastors fil-knisja. L-epistoli tal-Patt il-Ġdid jagħtuna l-mudell ta’ tmexxija għall-poplu t’Alla – il-knisja, il-ġisem ta’ Kristu – u dan jinvolvi struttura ta’ awtorità unika għall-knisja, mhux għan-nazzjon ta’ Iżrael jew xi entità oħra tal-Patt il-Qadim.
Argumenti simili huma magħmula b’referenza għal Priska u Febe fit-Testment il-Ġdid. F’Atti 18, naqraw dwar Priska u Akwila bħala ministri leali għal Kristu. F’vers 18, isem Priska jissemma l-ewwel, u dan jissuġġerixxi li hija kienet iktar prominenti fil-ministeru minn żewġha. (Il-fatt li isimha jiġi l-ewwel huwa probabbilment irrelevanti, għax f’versi 2 u 26 l-ordni hi bil-maqlub ta’ vers 18.) Priska u żewġha għallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lil Apollo? Iva, fid-dar tagħhom huma “spjegawlu aktar preċiżament it-triq t’Alla” (Atti 18:26). Imma l-Bibbja tgħid li Priska kienet il-pastor ta’ knisja, jew għallmet pubblikament, jew saret il-mexxeja spiritwali taʼ kongregazzjoni taʼ qaddisin? Le. Safejn nafu, Priska ma kinitx involuta f’attività ta’ ministeru b’kontradizzjoni mal-1 Timotju 2:11–14.
Fir-Rumani 16:1, Febe tissejjaħ “djaknu” (jew “qaddeja”) fil-knisja u hija mfaħħra ħafna minn Pawlu. Iżda, bħal fil-każ ta’ Priska, m’hemm xejn fl-Iskrittura li jindika li Febe kienet pastor jew għalliema tal-irġiel fil-knisja. Li wieħed ikun “kapaċi jgħallem” hi kwalifika għall-presbiteri, iżda mhux għad-djakni (1 Timotju 3:1–13; Titu 1:6–9).
Il-kuntest tal-1 Timotju 2:11–14 jagħti ir-raġuni ċara għala n-nisa ma jistgħux ikunu pastors. Il-kelma “għax” fil-bidu ta’ vers 13 turi li Pawlu qed jagħti r-raġuni tad-dikjarazzjoni tiegħu fil-versi ta’ qabel. Mela, għaliex in-nisa m’għandhomx jgħallmu jew ikollhom awtorità fuq l-irġiel? Għax “Adam kien ifformat l-ewwel, imbagħad Eva. U Adam ma kienx ingannat, imma l-mara billi kienet ingannata, sfat maqbuda fi trasgressjoni” (versi 13–14). Alla l-ewwel ħalaq lil Adam u mbagħad ħalaq lil Eva biex tkun “għajnuna” għal Adam. L-ordni tal-ħolqien għandu applikazzjoni universali fil-familja (Efesin 5:22–33) u fil-knisja.
Il-fatt li Eva ġiet imqarrqa hi raġuni oħra għaliex in-nisa m’għandhomx jaqdu bħala pastors u ma jkollhomx awtorità spiritwali fuq l-irġiel (1 Timotju 2:14). Dan ma jfissirx li n-nisa huma mzazen jew li huma kollha aktar faċilment mqarrqa mill-irġiel. Jekk in-nisa kollha jiġu mqarrqa faċilment, għaliex jitħallew jgħallmu lit-tfal u nisa oħra? It-test sempliċement jgħid li n-nisa m’għandhomx jgħallmu lill-irġiel jew jeżerċitaw awtorità spiritwali fuqhom għax Eva kienet imqarrqa. Alla għażel li jagħti lill-irġiel l-awtorità ewlenija tat-tagħlim fil-knisja.
Ħafna nisa jibbrillaw fid-doni ta’ ospitalità, ħniena, tagħlim, evanġelizzazzjoni, u qadi. Il-ministeru tal-knisja lokali jiddependi fuq in-nisa wkoll. In-nisa fil-knisja mhumiex ristretti milli jitolbu jew jipprofetizzaw fil-pubbliku (1 Korintin 11:5); huma ristretti biss milli jkollhom awtorità ta’ tagħlim spiritwali fuq l-irġiel. Il-Bibbja mkien ma tirrestrinġihom milli jeżerċitaw id-doni tal-Ispirtu s-Santu (1 Korintin 12). In-nisa, daqs l-irġiel, huma msejħin biex jaqdu lill-oħrajn, biex juru l-frott tal-Ispirtu (Galatin 5:22–23), u biex iħabbru l-evanġelju lill-mitlufin (Mattew 28:18–20; Atti 1:8; 1 Pietru 3:15).
Alla ordna li l-irġiel biss għandhom jaqdu f’pożizzjonijiet ta’ awtorità ta’ tagħlim spiritwali fil-knisja. Dan ma jimplikax li l-irġiel huma għalliema aħjar, jew li n-nisa huma inferjuri, jew inqas intelliġenti. Huwa sempliċement il-mod kif Alla ddisinja l-knisja biex tiffunzjona. L-irġiel għandhom jagħtu l-eżempju fit-tmexxija spiritwali, b’ħajjithom u bi kliemhom. In-nisa għandhom ukoll jagħtu eżempju b’ħajjithom, imma b’mod differenti (1 Pietru 3:1-6). In-nisa huma mħeġġa jgħallmu nisa oħra (Titu 2:3–5). Il-Bibbja wkoll ma tillimitax lin-nisa milli jgħallmu lit-tfal. L-unika attività li n-nisa huma ristretti minnha hija li jgħallmu jew li jkollhom awtorità spiritwali fuq l-irġiel. Dan iwaqqaf lin-nisa milli jservu bħala pastors għall-irġiel. Dan ma jagħmilx lin-nisa inqas importanti, bl-ebda mod; anzi, jiffoka l-ministeru tagħhom fi qbil mal-pjan t’Alla.
English
X’tgħid il-Bibbja dwar pastors nisa?